Mushroom Talk

A word or two about our friends fungi

May 25, 2024
wim-trees-sequenceproof1-f

Is-siġar għandhom l-internet taghhom ukoll. It-tieni parti.

Ix-xahar li għadda tkellimna fuq l-internet tal-foresti, firxa ta’ fungi li toħloq konnessjoni wiesgħa ħafna bejn siġra u oħra li tifrex għal ħafna kilometri. Fl-artiklu li għadda għidna wkoll li dan in-netwerk jintuża biex is-siġar jikkomunikaw ma’ xulxin…imma mhux biss!

Nibdew biex nispjegaw li l-fungi li joħolqu dan in-network jissejħu mycorrhiza u primarjament il-miċelju ta’ dawn il-fungi jikber madwar u ġewwa l-għeruq ta’ ċertu siġar. Grazzi għal din il-konessjoni magħmula minn netwerk li huwa ħafna ifjen mill-għeruq tas-siġar, il-fungu jippermetti li is-siġra żżid l-abbiltà tagħha li tassorbi ilma u nutrijenti, speċjalment meta jkunu l-aktar skarsi. Dan għaliex il-miċelju, bl-irquqija tiegħu, kapaċi jinfed it-trab tal-art aktar mill-għeruq u kapaċi wkoll jestendi malajr u fil-bogħod. Min-naħa l-oħra, is-siġra tibgħat lill-fungu karbojdrati u vitamini li kapaċi tipproduċi grazzi għal fotosinteżi li tittrasforma d-dawl tax-xemx f’zokkor u vitamini li l-fungu ma jistax jipproduċi waħdu. Jekk forsi ġieli smajtu bil-porċini, it-tartufi, il-morels jew ix-chanatarells dawn huma kollha mychorriza u għalekk diffiċli ħafna tikkultivahom artifiċjalment, għax biex jikbru jridu jkunu konnessi ma’ siġra.

Però ejja ma niddevjawx għax insemmihom biss digà qed niftaħ l-aptit! Mela, dan in-network mhux biss jifrex minn fungu għal siġra però wkoll minn siġra għal oħra. Huwa mifhum li grazzi għal dan in-network is-siġar stabbiliti jgħaddu riżorsi lis-siġar zgħar li jkollhom inqas aċċess għad-dawl tax-xemx u allura għal kapaċità li jipproduċu l-ikel. Siġar li qed imutu jgħaddu l-aħħar ftit riżorsi tagħhom fin-netwerk biex jinitużaw minn min l-aktar għandu bżonnhom u ma jinħlewx meta tmut is-siġra.

Però bħal kollox issib min jabbuża. Hemm tipi ta’ orikidea li jirnexxielhom jaqbdu klandesitinament ma’ dan in-netwerk u jisirqu ir-riżorsi tas-siġar mingħajr ma jgħatu xejn lura. B’hekk iġibu ruħhom bħala parassiti. Hemm ukoll siġar, bħal per eżempju il-gewż iswed, li jabbużaw dan in-network billi jitfgħu fih sustanzi tossiċi lis-siġar ta’ madwarhom biex b’hekk idgħajfuhom u jnaqqsulhom is-seta’ li jikkompetu.

Kif forsi fhimtu f’dawn iż-żewġ artikli, illum m’għadniex inħarsu lejn is-siġar bħala ħlejqiet solitarji u totalment indipendenti però bħala allejanza ta’ organiżmi li jaħdmu flimkien, b’allejati bħal fungi li jippermettulhom jevolvu u jkampaw flimkien. Forsi James Cameron kien diġà jafu dan għax fil-film tiegħu “Avatar” tal-2009 dan kien kollu parti minn l-ekoloġija tad-dinja aljena Pandora.


Copyright © 2024 MycoMalta  All Rights Reserved. - Developed by Globalmark.mt